Għall-blog post tal-lum, inħeġġukom tlestu kikkra kamomilla u tpoġġu bilqiegħda sew, għax it-traduzzjonijiet litterali li ġejjin jista’ jkun li jqabbdukom ħarira wġigħ ta’ ras… fi kliem ieħor, lestu l-paracetamol.

Fil-blog post tal-lum, se nkunu qed nesponu, niġġudikaw u naqtgħu l-verdett finali tagħna fuq it-traduzzjonijiet li ġejjin. Xi ħaġa interessanti hi, li għad-differenza ta’ dak li wieħed jassumi, ħafna mit-termini li ġejjin ma sibnihomx biss fuq mezzi tal-midja soċjali bħal Facebook, iżda anke fuq siti tat-traduzzjoni u riżorsi lingwistiċi uffiċjali oħrajn. U għalhekk, mingħajr aktar dewmien, ejja nibdew is-smigħ tal-lum.

1. Cart = Karrettun/Karretta

Il-ħmar ħallewh barra miskin.

Sors: Microsoft Terminology, https://www.microsoft.com/en-us/language/Search?&searchTerm=cart&langID=516&Source=true&productid=0

Meta nisimgħu l-kelma karrettun, tiġina f’moħħna dik il-vettura miftuħa b’erba’ roti, aktarx tal-injam, li titmexxa minn ħmar jew xi annimal ieħor. Għalhekk, din il-kelma ma taqdiniex f’kuntest ta’ xiri elettroniku (sakemm mhux beħsiebek tarma ħmar u karrettun, issalpa fuq xi vapur, u tmur tiġbor l-oġġett li ordnajt online bil-karrettun).

Traduzzjoni korretta: Basket

2. Toothpaste = Pasta tas-snien

Mhux aħjar xi pasta tal-krema sieħbi!

toothpaste

Sors: Glosbe – the multilingual online dictionary – https://glosbe.com/mt/en/toothpaste

Meta nirreferu għal dak l-oġġett li nużaw biex naħslu s-snien, dejjem nirreferu għalih bħala “toothpaste”, u għalhekk dak hu t-terminu li għandna nużaw anke fil-kitba bil-Malti.

NOTA: Meta konna qed inqallbu fil-ġawhar ta’ għerf li ssib online, ilmaħna wkoll “krema tas-snien”!

Traduzzjoni korretta: Toothpaste

3. Toothbrush = Xkupilja tas-snien

Din bellhitni… Ħallietni bla snien (ridt ngħid kliem).

toothbrush

Sors: Linguee, English-Maltese Dictionary – https://www.linguee.com/english-maltese/search?source=auto&query=toothbrush

 

Xkupilja hawnhekk ma tagħmilx sens minn żewġ aspetti: id-daqs tagħha u l-għan li normalment tintuża għalih. Meta nitkellmu fuq xkupilja, inkunu qed nirreferu għal għodda ta’ daqs medju, li jkollha mwaħħal magħha l-lanżit u li tintuża għat-tindif ta’ xi oġġetti. Minħabba li toothbrush għandha skop ta’ tindif li huwa speċifiku għal parti tal-ġisem (is-snien), u minħabba d-daqs żgħir tagħha, u anke l-għamla partikolari tagħha, it-traduzzjoni “xkupilja” mhijiex adattata.

Traduzzjoni korretta: Toothbrush

4. Wireless = Mingħajr fili

Il-fili fil-ħajt qegħdin… għal ġol-ħajt insomma!

wireless-bla fili

Sors: IATE, EU’s terminology database – https://iate.europa.eu/search/standard/result/1591880682650/1

Ejja nibdew billi ngħidu li din mhijiex traduzzjoni litterali, għaliex kieku kienet tkun “mingħajr wajer”. Hawnhekk, hu evidenti li t-traduzzjoni Maltija hi influwenzata mit-Taljan (“senza fili”). Filwaqt li xi kultant tajjeb li nħarsu lejn it-traduzzjonijiet li saru f’lingwi oħrajn, f’dan il-każ, il-Malti mhuwiex identifiku għat-Taljan, bħal kif donnhom jaħsbu ħafna tradutturi Maltin. Fil-Malti, meta nitkellmu fuq “fil”, nistgħu nkunu qed nirreferu għal: ħajta, ħsieb, jew dak l-ispazju li jinsab bejn ġebla u oħra f’ħajt.

Traduzzjoni korretta: Wireless/bla wajer(s)

N.B f’każ ta’ hardware, bħal ngħidu aħna maws jew keyboard, nistgħu ngħidu li huma “bla wajer”, u l-kunċett ‘wireless’ ikun ċar. Però, f’każ ta’ terminu bħal “wireless internet”, it-traduzzjoni “internet bla wajers” tinstema’ stramba. Għalhekk, għal dawn it-termini, aħna nissuġġerixxu li tintuża l-kelma “wireless”, għax tinftiehem ħafna aktar.

5. Horsepower = Potenza ta’ żwiemel

Il-mistoqsija ċentrali hawnhekk hi din: Kemm hu potenti ż-żiemel tiegħek? Għidilna.


Sors: IATE, EU’s terminology database – https://iate.europa.eu/search/standard/result/1591880756234/1

Mur staqsi lil xi ħadd fil-kwart ta’ mil ta’ Ħal Far kemm għandha potenza taż-żwiemel il-karozza tiegħu, u ara x’jgħidlek! Horsepower hi unità ta’ kejl (hp), u għalhekk, f’każ bħal dan nistgħu nsegwu l-mudell ta’ unitajiet ta’ kejl oħra bħal “watt”, u allura nħallu t-terminu kif inhu bl-Ingliż.

Traduzzjoni korretta:  Horsepower

6. Broadband = Banda wiesgħa

Il-banda mhux aħjar inħalluha bi kwieta fil-marċ?

broadband

Sors: IATE, EU’s terminology database – https://iate.europa.eu/search/standard/result/1591880962108/1

Naħseb li qed tindunaw x’hemm komuni f’dawn l-eżempji. Hawnhekk kellha titħalla bħala “broadband”.

Traduzzjoni korretta: Broadband

7. Keyword = Kelma Muftieħ/Kjav

Il-muftieħ f’idejn San Pietru postu u mhux fl-istrixxa tat-tiftix tal-Microsoft! 

keyword

Sors: Microsoft Terminology – https://www.microsoft.com/en-us/language/Search?&searchTerm=keyword&langID=516&Source=true&productid=0

It-traduzzjoni li saret hawnhekk hi litterali żżejjed, u fil-Malti ma tagħmilx sens. F’dan il-każ, il-kelma “keyword” m’hemmx għalfejn tibqa’ bl-Ingliż, għaliex it-traduzzjoni “kelma ewlenija” taqdina mingħajr problemi.

Traduzzjoni korretta:  Kelma ewlenija

8. Brainwashed = Ħasil tal-Moħħ

Ejja nħarsu lejn il-pożittiv… għall-inqas jinħasel! 🤭

brainwashed

Sors: Facebook, grupp ta’ Kelmet il-Malti – https://www.facebook.com/groups/246657308743181

Naħseb tant ilna nisimgħu bil-ħasil tal-flus, u dan l-aħħar bil-ħasil tal-idejn, li issa kull ħaġa li għandha “ħasil” fiha ġiet moda.

Traduzzjoni korretta:  ġie kkondizzjonat

9. Inbox = Posta Rċivuta

Kif qed insemmi l-irċevuti, taf x’naf? Li ili mill-2010 nibgħat l-irċevuti lil tal-VAT biex nirbaħ il-Lotterija… kompli oħlom.

inbox

Sors: Microsoft Terminology, https://www.microsoft.com/en-us/language/Search?&searchTerm=inbox&langID=516&Source=true&productid=0

Traduzzjoni oħra mnebbħa mit-Taljan (“posta in arrivo”). Fil-Malti l-kelma “inbox” integrat sew fil-lingwa tagħna, u għalhekk, għandna nużaw lilha fil-kitba tagħna wkoll.

Traduzzjoni korretta:  Inbox

10. Email account = kont tal-posta elettronika

Capisci l’italiano? Sì? Faqqa’ subgħajk.

email account

Sors: Microsoft Terminology, https://www.microsoft.com/en-us/language/Search?&searchTerm=email%20account&langID=516&Source=true&productid=0

Hawnhekk qed niddiskutu t-terminu “email” bħala nom, u mhux il-verb “to email”. U iva, din imnebbħa mit-Taljan ukoll (le… ma blajniex recorder). Kif spjegajna f’eżempji preċedenti, diversi termini li jappartjenu għall-qasam tat-teknoloġija, laħqu integraw sew fil-lingwa tagħna. “Email” hi waħda minnhom.

Traduzzjoni korretta:  kont tal-email

Lesti!

 

Nisperaw li ħadtu pjaċir u li dħaktu xi ftit b’din il-lista ta’ kliem tradott li ppreżentajna llum. Għalkemm fl-introduzzjoni konna qed niċċajtaw, inħossu li spiss it-traduzzjonijiet għall-Malti ma jkunux prattiċi għall-utenti. Il-bilanċ hu essenzjali f’kollox, u mhux wisq b’inqas fil-każ tat-traduzzjoni. Meta traduttur jipprova jaqleb kull kelma għall-Malti mingħajr ma jaċċetta li aħjar jibqgħu bl-Ingliż, dan jista’ jwassal f’biċċa xogħol li ma tinstemax naturali f’widnejn il-qarrejja, u b’konsegwenza t’hekk, tista’ tissaħħaħ il-perċezzjoni li l-Malti hu tqil wisq biex taqrah. Huwa dan li jwassal lin-nies biex iduru għall-verżjoni Ingliża ta’ test, anke jekk ikun hemm il-verżjoni bil-Malti disponibbli. F’każ ta’ kliem Ingliż li jkollu traduzzjoni stabbilita bil-Malti, m’hemm l-ebda dubju li hemmhekk għandna nużaw lilu, u mhux nabbużaw u nużaw l-Ingliż. Imma f’każ li l-kelma l-ġdida ma jkollhiex traduzzjoni ekwivalenti bil-Malti, m’għandniex nisfurzaw lilna nfusna biex noħolqu kelma li tkun morfoloġikament Maltija, jew li tinstema’ “aktar Maltija”, speċjalment jekk il-kelma Ingliża laħqet inxterdet sew fil-komunità. Ovvjament, ċertu esperimenti jistgħu jirnexxu, bħalma ġara bil-kelma “stessu” għal “selfie”. Il-kreattività hi sabiħa, però dejjem irid jintlaħaq bilanċ bejn il-kreattività u l-prattiċità.

Let’s work together.

Contact Us